Bħalissa ħafna huma mħassba dwar x’jiġri jekk it-titjijra tagħhom mar-RyanAir tiġi ikkanċellata.

Dwar x’tip ta’ kumpens il-konsumaturi jistgħu jieħdu f’każijiet hekk, wieħed irid jirrikorri għar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan ir-Regolament jistabbilixxi li jekk il-linja tal-ajru tikkanċella titjira, wieħed għandu l-għażla li jew jieħu rifużjoni tal-biljett li ma jkunx ħa jintuża’ jew inkella titjira oħra jew transport alternattiv għad-destinazzjoni finali tiegħu. Jekk wieħed jagħżel li jistenna transport altenattiv mill-ajru, bħala konsumatur huwa intitolat għal dawn li ġejjin:

  1. Ikel u xorb b’xejn
  2. Żewġ telefonati b’xejn, faks jew emails
  3. Akkomodazzjoni tal-lukanda b’xejn jekk id-dwmien ifisser waqfa ta’ lejl jew ta aktar iljieli
  4. U transport b’xejn bejn l-arjuport u l-lukanda.

F’każ li dawn ma jingħatawx, wieħed għandu jikteb ittra lill-linja tal-ajru u jinkludi l-irċevuti tal-ispejjeż li daħal fihom waqt li kienet qed tistenna sabiex tfittex rimborż.

L-ammont ta’ rifużjoni li wieħed mistenni jieħu jiddependi mid-distanza tat-titjira:

  • €250 għall-titjira ta’ 1,500 kilometru jew inqas
  • €400 għal dawk it-titjiriet li huma intra-Komunitarji u li huma ta’ 1,500 kilometru jew aktar u għal dawk it-titjiriet kollha li jvarjaw bejn 1,500 u t-3,500 kilometru; u
  • €600 għal dawk it-titjiriet kollha li ma jaqgħux taħt il-kategoriji msemmija.

 

Iżda, dan kollu ma jibqax jgħodd jekk il-passiġġieri jiġu infurmati bil-kanċellazzjoni tal-inqas 14-il ġurnata qabel it-titjira. Jekk ikunu nfurmati, il-passiġġieri ma jkunux intitolati għall-ebda kumpens.

Fuq il-website tar-RyanAir hemm ukoll imniżżel dawn id-drittijiet. Hemm ukoll il-links fejn jidderiġu lill-passiġġiera fil-paġna adekwata sabiex ikunu jistgħu jitolbu l-kumpens li għandhom jieħdu jew biex ibiddlu il-biljett għat-titjira tagħhom mingħajra ebda spejjeż żejda.