Direttiva 2008/122/EC dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ ċerti aspetti ta’ timeshare, vaganza għal perijodu twil, bejgħ mill-ġdid u skambju kuntrattwali jistabbilixxu regoli ġodda sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll l-ambitu tiegħu huwa estiż sabiex jinkludi prodotti ġodda , jiġifieri “prodotti simili għat-timeshare” li jitfaċċaw fis-suq. Per eżempju d-Direttiva l-ġdida tirregola vaganzi għall-perijodu twil, kif ukoll bejgħ mill-ġdid u skambju. Barra minnhekk, bħala direttiva ta’ armonizzazzjoni sħiħa, dawn ir-regoli ġodda jiżguraw li l-konsumaturi huma protetti ugwalment madwar l-UE.
X’inhu kuntratt Timeshare?
Kuntratt ta’ timeshare huwa definit bħala  “kuntratt ta’ tul ta’ aktar minn sena li bih il-konsumatur jakkwista permezz ta’ korrispettiv id-dritt li juża waħda jew aktar akkomodazzjonijiet għal lejl wieħed jew aktar minn perijodu wieħed ta’ okkupazzjoni”;

Dritt għall-informazzjoni
Din id-Direttiva fiha bħala wieħed mill-elementi ewlenin tagħha, il-ħtieġa ta’ informazzjoni. Hija tipprovdi regoli aktar dettaljati dwar l-informazzjoni pre-kuntrattwali. Huwa stipulat fid-Direttiva li fi żmien tajjeb qabel mal-konsumatur ikun marbut bi kwalunkwe kuntratt jew offerta, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur, b’mod ċar u li jinftiehem, informazzjoni preċiża u suffiċjenti fil-każ ta’ kuntratt ta’ timeshare, kuntratt dwar prodott ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratt ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratt ta’ skambju. Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta, mingħajr ħlas, mill-kummerċjant fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor faċilment aċċessibbli għall-konsumatur, permezz tal-formoli standard ta’ informazzjoni kif previst fl-Annessi tad-Direttiva. Barra minnhekk, hemm l-obbligu min-naħa tal-kummerċjant biex jiġi żgurat li l-għażla tal-konsumatur, l-informazzjoni hija magħmula bl-lingwa jew waħda mil-lingwi tal-Istati Membru li fih il-konsumatur ikun residenti jew ċittadin. Dawn ir-rekwiżiti huma suġġetti għall-kundizzjoni li l-lingwa tkun waħda mill-ilsna uffiċjali tal-Istati Membri tal-UE.
Għandu jiġi żgurat li l-konsumatur jingħata perjodu ta’ 14-il jum sabiex jirtira mill-kuntratt mingħajr ma jagħti l-ebda raġuni. Dan id-dritt ta’ rtirar mhux limitat biss għal ftehim ta’ timeshare, iżda japplika wkoll fil-każ ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, bejgħ mill-ġdid jew kuntratt ta’ skambju. Il-perjodu ta’ rtirar huwa kkalkulat mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt,ftehim preliminari ieħor jew mill-jum meta l-konsumatur jirċievi dak il-kuntratt jew ftehim, jekk tali data tkun iktar tard mid-data tal-iffirmar tal-ftehim.
L-effett tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar huwa li l-konsumatur itemm l-obbligu tal-partijiet li jeżegwixxu l-kuntratt. Fejn il-konsumatur jiddeċiedi li jeżerċita d-dritt ta’ rtirar, il-konsumatur għandu la jġarrab xi spiża u lanqas m’għandu jkun responsabbli għal xi valur li jikkorrispondi mas-servizz li seta’ twettaq qabel l-irtirar.

Direttiva 2008/122/EC tipprojbixxi wkoll ħlasijiet minn qabel fuq kuntratti ta’ timeshare, kuntratti ta’ vaganza fit-tul u ta’ skambju qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ rtirar. Fir-rigward għal kuntratti ta’ vaganzi fit-tul, il-ħlas għandu jsir abbażi ta’ skeda rateali ta’ ħlas. Kwalunkwe ħlas tal-prezz speċifikat fil-kuntratt diversament minn dik tal-iskeda rateali ta’ ħlas huwa pprojbit. Fil-każ ta’ kuntratt dwar prodott ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, id-dritt ta’ rtirar jista’ jiġi eżerċitat mill-konsumatur billi jagħti avviż lill-kummerċjant fi żmien 14-il jum minn meta jirċievi t-talba għall-ħlas.
Id-Direttiva fiha wkoll dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-applikabbiltà tad-Direttiva fil-każ ta’ każijiet internazzjonali. Huwa stipulat li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom minn din id-Direttiva, fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt hija l-liġi ta’ Stat Membru. Id-Direttiva tipprovdi wkoll li fejn il-liġi applikabbli hija dik ta’ pajjiż terz, il-konsumatur m’għandux jiċċaħħad mid-drittijiet li jinsabu f’din id-Direttiva jekk xi proprjetà immobbli kkonċernata tinsab fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, din id-Direttiva hija applikabbli wkoll f’każijiet fejn il-kuntratt ma jkunx direttament relatat mal-proprjetà immobbli, iżda l-kummerċjant iwettaq l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali fi Stat Membru, jew bi kwalunkwe mezz, jindirizza tali attivitajiet għal Stat Membru u l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ tali attivitajiet.
Fl-aħħarnett id-Direttiva tipprovdi wkoll informazzjoni għall-konsumatur  barra mill-qorti rimedju. Huwa stabbilit li l-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi t-tfassil fuq livell Komunitarju, partikolarment minn korpi professjonali, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet, ta’ kodiċi ta’ kondotta li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Hija għandha wkoll tinkoraġġixxi lill-kummerċjanti biex jgħarrfu lill-konsumaturi b’dawn il-kodiċijiet. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma wkoll taħt l-obbligu li jinkoraġġixxu l-istabbiliment li jilqa’ lmenti u proċeduri ta’ rimedji adegwati u effettivi għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-konsumatur barra mill-qorti.