Direttiva tal-Kunsill Ewropew 90/314/EEC tħares lill-konsumaturi meta jixtru “pakkett tal-ivjaġġar”. Btala tista’ tiġi kkunsidrata bħala “pakkett” jekk:

  • tkopri perjodu ta’ aktar minn 24 siegħa jew tinkludi akkomodazzjoni mal-lejl;
    • tinkludi mill-inqas tnejn minn dawn il-komponenti: it-trasport; l-akkomodazzjoni; servizzi turistiċi oħra mhux anċillari għat-trasport jew l-akkomodazzjoni, iżda jammontaw għall-proporzjon sinifikanti tal-pakkett bħal eskursjonijiet jew ġita bi gwida turistika.

Kwalunkwe fuljett disponibbli għall-konsumatur mill-operatur tal-ivvjaġġar għandu jinkludi b’mod ċar l-informazzjoni li ġejja:

  • Il-prezz;
    • Kwalunkwe taxxa jew ħlas obbligatorju;
    • Id-destinazzjoni, l-itinerarju u l-mezzi tat-trasport użati;
    • It-tip ta’ akkomodazzjoni;
    • Il-pjan tal-ikla;
    • Passaport u r-rekwiżiti tal-visa;
    • Il-formalitajiet tas-saħħa;
    • L-iskeda għall-ħlas;
    • L-iskadenza sabiex jinforma lill-konsumatur fil-każ ta’ kanċellazzjoni

L-informazzjoni li tinsab fil-fuljett torbot lill-organizzatur tal-ivvjaġġar u ma jistax jinbidel sakemm tali bidliet ikunu ġew ikkomunikati lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Sakemm ma kienx hemm ftehim bejn il-partijiet dwar xi bidliet fil-kuntratt.
Qabel il-konklużjoni tal-kuntratt l-organizzatur tal-ivvjaġġar huwa wkoll meħtieġ li jipprovdi lill-konsumatur bil-miktub l-informazzjoni li ġejja:

  • Informazzjoni ġenerali dwar il-passaport u r-rekwiżiti tal-visa;
    • informazzjoni dwar il-formalitajiet tas-saħħa meħtieġa waqt l-vjaġġ u l-waqfa fid-destinazzjoni

Barra minn hekk, fi żmien raġonevoli qabel il-bidu tal-vjaġġ, l-organizzatur tal-ivvjaġġar għandu jipprovdi lill-konsumatur bil-miktub bl-informazzjoni li ġejja:

  • Il-ħinijiet u l-postijiet tal-waqfiet intermedjarji u l-konnessjonijiet tat-trasport kif ukoll il-post fejn il-konsumatur ikun ser joqgħod;
    • Dettalji tal-persuna li għandek tikkuntattja f’każ ta’ diffikultà;
    • Fil-każ ta’ minorenni, informazzjoni dwar il-kuntatt dirett li għandhom isiru mat-tfal jew il-persuna responsabbli fil-post fejn joqgħod;
    • Informazzjoni dwar il- possibilita’ li tixtri polza ta’ assigurazzjoni

Jekk il-konsumatur ma jkunx jista’ juża il-pakkett ibbukjat, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt  li jitħalla jgħaddi l-prenotazzjoni tiegħu lil persuna li tissodisfa l-kondizzjonijiet kollha applikabbli għall-pakkett, sakemm il-konsumatur jagħti avviż raġonevoli dwar l-intenzjoni tiegħu qabel it-tluq lill-organizzatur.
Il-prezzijiet stabbiliti fil-kuntratt ma jistgħux jinbidlu ħlief f’ċirkostanzi speċifiċi u fejn il-kuntratt ma jipprovdix espressament għall-possibiltà tar-reviżjoni tal-prezz. Il-kuntratt għandu jiddikjara b’mod preċiż kif il-prezz rivedut għandu jiġi kkalkolat u l-varjazzjonijiet biss ikunu permessi fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  • Fil-każ ta’ varjazzjonijiet fl-ispejjeż tat-trasport, inklużi spejjez ta’ fuel;
    • Fil-każijiet ta’ bidla fit-taxxa tal-gvern jew dazju;
    • Varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju applikabbli għall-pakkett partikolari.

L-ebda tibdil ma għandu jsir fi żmien 20 jum mid-data tat-tluq. Jekk wara t-tluq ikun hemm xi tibdil f’dak li hemm miktub fil-kuntratt, u proporzjon sinifikanti tas-servizzi kuntrattati ma jkunux ġew provduti, rrid jkun hemm arranġamenti alternattivi mill-organizzatur, mingħajr ebda spiża żejda għall-konsumatur għall-kontinwazzjoni tal-pakkett, u jekk ikun il-ħtieġa, l-organizzatur għandu jikkompensa lill-konsumatur id-differenza bejn is-servizzi offruti u dawk mogħtija. F’każ li l-organizzatur iħassar il-pakkett qabel id-data tat-tluq, il-konsumatur għandu jkun intitolat għal:

  • Pakkett tas-sostituzzjoni li l-kwalità tiegħu hija ekwivalenti jew superjuri;
    • Pakkett li jkun inferjuri u d-differenza fil-prezz bejn iż-żewġ pakketti tiġi rifuża kollha lura lill-konsumatur;
    •Rifużjoni sħiħa.