Meta niġu għall-iffirmar tal-kuntratti relatati mal-forniment ta’ oġġetti u servizzi, huwa importanti li l-konsumatur jaqra b’attenzjoni kbira t-termini, il-kundizzjonijiet u klawsoli li ġew inseriti, inkluż dawk tat-“tipa żgħira”. Fil-kuntratti tal-konsumatur huwa illegali li jużaw termini inġusti, termini jew kombinazzjoni ta’ termini li huma inġusti, u kull frażi hekk imdaħħla f’xi kuntratt tal-konsumatur għandha titqies daqs li kieku din qatt ma ġiet imdaħħla.
Klawżola inġusta hija definita mill-Att  dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur bħala kwalunkwe terminu f’kuntratt tal-konsumatur, li waħidha jew flimkien ma klawżola oħra toħloq żbilanċ sinifikanti bejn id-drittijiet u d-dmirijiet tax-xerrej u tal-bejjiegħ. Huwa wkoll inġust jekk i-prestazzjoni tal-kuntratt tkun ta’ detriment għall-konsumatur, jew jekk tkun differenti b’mod sinifikanti minn dak li l-konsumatur kien raġonevolment jistenna. Bl-istess mod terminu li huwa kuntrarju għar-rekwiżiti tal-bona fide jiġi meqjus bħala inġust.
Terminu li ma jkunx ġust ikun stmat skond in-natura tal-prodotti jew servizzi li għalihom il-kuntratt ikun ġie konkluż; ħin meta ġie konkluż; iċ-ċirkostanzi kollha l-oħra li jiċċirkundaw il-konklużjoni tiegħu u kondizzjonijiet oħra tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu. Dawn iċ-ċirkostanzi jistgħu jinkludu wkoll jekk konsumatur kien kważi imġiegħel jew jekk iż-żewġ partijiet kienu fuq livell ugwali; u jekk in-nuqqas ta’ għarfien jew ħila tal-konsumatur ittieħed vantaġġ minnu b’mod inaċċettabbli .

Kuntratt tal-konsumatur li jinkludi terminu projbit jew żleali ma jorbtux lill-konsumatur ħlief jekk il-kuntratt jkun jista’ xorta waħda jibqa’ jeżisti mingħajr dik il-klawżola li ma tkunx ġusta. Fi kwalunkwe kuntratt tal-konsumatur, fejn it-termini kollha jew xi ftit minnhom huma miktuba mill-kummerċjant, dawn it-termini għandhom ikunu miktuba b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem. Jekk ikun hemm kwalunkwe terminu li mhux ċar, jew hemm xi dubju dwar xi klawżola partikolari, l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur għandha tipprevali.

Liema tipi ta’ termini jistgħu jiġu klassifikati bħala inġusti?

Il-liġi tipprovdina b’lista mhux eżawrjenti ta’ dawn it-termini. In-negozjant jista’ ma jdaħħal l-ebda terminu li jkollu l-iskop u l-effett per eżempju, li jeskludi jew jillimita’ r-responsabbiltà tal-kummerċjant minħabba frodi tiegħu stess jew negliġenza serja, jew minħabba l-impjegati jew l-aġenti tiegħu jew għaliex hu ma wettaqx l-obbligu fundamentali tal-kuntratt. Bl-istess mod, negozjant ma jistax jimponu fuq il-klijent tiegħu perijodu qasir li jkun irraġonevoli sabiex il-konsumatur ikun jista’ jinnotifika bi kwalunkwe difetti. Jekk il-kummerċjant jonqos milli jwettaq, jew iwettqu b’mod inadegwat kwalunkwe obbligi kuntrattwali tiegħu, huwa ma jistax idaħħal termini li b’xi mod jeskludu jew jillimitaw id-drittijiet legali tal-konsumatur kontra l-kummerċjant u lanqas ma jistax jipprojbixxi lill-konsumatur milli jfittex li jkun hemm il-kanċellazzjoni tal-kuntratt f’każijiet simili.
Il-liġi tqis wkoll bħala inġusti dawk it-termini li jippermettu lill-kummerċjant li jagħti servizzi jew oġġetti suġġetti għall-kundizzjoni li t-twettiq tagħhom jiddependi biss fuq ir-rieda tal-kummerċjant. Il-kummerċjant huwa pprojbit milli jżommu ammont ta’ flus imħallsa mill-konsumatur jekk il-konsumatur jiddeċiedi li ma’ jikkonkludix jew li ma jwettaqx il-kuntratt, jekk il-konsumatur ma jingħatax id-dritt li jirċievi kumpens ekwivalenti mill-kummerċjant  jekk dan tal-aħħar jiddeċiedi li jħassar il-kuntratt. Il-konsumatur ma jkunx marbut b’mod irrevokabbli minn xi termini imposti fuqhu mill-kummerċjant li ma kellux l-opportunità li jkun jaf dwarhom qabel ma sar l-iffirmar tal-kuntratt. Il-kummerċjant ma jistax ibiddel it-termini tal-kuntratt unilateralment, mingħajr ma jispeċifikaw raġuni valida fil-kuntratt.

Għalhekk, għalkemm il-konsumatur huwa xorta waħda avżat biex jaqra l-kuntratt bir-reqqa qabel ma jiffirma, huwa xorta waħda protett mil-liġi fir-rigward ta’ klawżoli inġusti. Għarfien ta’ dawn it-termini ssaħħaħ lill-konsumatur, u jistgħu jipprevjenu li n-negozjant milli jabbuża minħabba l-pożizzjoni tiegħu.