Meta tixtri online, il-konsumatur huwa protett mid-drittijiet bażiċi tal-konsumatur – negozjant fuq l-internet huwa marbut bl-istess obbligi li huwa obbligat il-kummerċjant li għandu ħanut.

 

Dritt għall-informazzjoni ċara

Qabel ma tikkonkludi tranżazzjoni online l-bejjiegħ online għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

  • L-isem sħiħ tiegħu u l-indirizz tan-negozju;
    • Deskrizzjoni tal-karatteristiċi prinċipali tal-oġġetti jew servizzi;
    • Il-prezz inkluż kull taxxa jew spejjeż addizjonali dovuti;
    • Spejjeż tal-kunsinna;
    • L-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna jew prestazzjoni;
    • Li jkun hemm id-dritt li l-konsumatur jista’ jikanċella;
    • L-ispiża tal-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, fejn hu kkalkulat b’rata ogħla mir-rata bażika;
    • Il-perjodu li għalih l-offerta jew il-prezz jibqa’ validu; u
    • It-tul minimu tal-kuntratt fil-każ ta’ kuntratti għall-forniment ta’ prodotti jew servizzi li għandhom jitwettqu ripetutament.

 

Wara l-ordni, il-fornitur għandu jeżegwixxi l-ordni fi żmien massimu ta’ 30 jum mill-ġurnata wara dik li fiha l-konsumatur ikun bagħat l-ordni lill-fornitur. Meta l-merkanzija jew is-servizzi ordnati m’humiex disponibbli, il-fornitur irid jinforma minnufih lill-konsumatur u għandhu jrodd lura lill-konsumatur kwalunkwe flus imħallsa fi żmien tletin (30) jum minn meta l-konsumatur ikun infurmat.

Dritt għal meta tbidel fhemtek

Għal kull kuntratt mill-bogħod il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ mill-inqas erbatax (14) –il ġurnata biex jirtira mill-kuntratt mingħajr penali u mingħajr ma jagħti ebda raġuni.

Għalhekk meta l-konsumatur jixtri online, b’differenza minn meta jixtri mill-ħwienet, il-konsumatur jista’ jiddeċiedi li jirritorna l-oġġetti jew jirtira mis-servizz mingħajr ma jagħti raġunijiet u mingħajr ma jġarrab l-ebda spejjeż.

Il-perjodu tad-dritt ta’ tħassir jibda’ mill-jum tal-wasla tal-merkanziji jew mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt fil-każ ta’ servizzi.

Dan id-dritt ta’ tħassir huwa estiż għal tnax-il xahar meta l-fornitur jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu għal dak li għandu x’jaqsam mal-informazzjoni.

Fejn il-konsumatur ikun eżerċita d-dritt ta’ rtirar, il-fornitur huwa obbligat li jirrimborża l-ammonti mħallsa mill-konsumatur mingħajr ħlas. L-unika ħlas li tista’ tiġi imposta fuq il-konsumatur hija l-ispiża diretta tar-ritorn tal-oġġetti, bħall-ispejjeż tat-tbaħħir. Il-ħlas lura għandu jsir lill-konsumatur mill-fornitur mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn erbatax-il jum minn meta l-merkanzija tkun waslet lura għand il-kummerċjant jew mill-kanċellazzjoni tal-kuntratt.

Id-dritt ta’ rtirar jeżisti għal kważi kull tip ta’ oġġett, madankollu sakemm il-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor, il-konsumatur ma jistax jerżerċita d-dritt ta’ rtirar fir-rigward ta’ dawn il-kuntratti:

  1. a) għall-provvista ta’ servizzi jekk is-servizz ikun diġà beda, bil-ftehim tal-konsumatur, qabel it-tmiem tas-seba jum tax-xogħol;
    b) għall-forniment ta’ oġġetti jew servizzi li l-prezz tagħhom jiddependi mis-suq finanzjarju li ma jistax ikun ikkontrollat mill-fornitur;
    c) għall-provvista ta’ merkanzija magħmula skond l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew personalizzati b’mod ċar, jew li minħabba n-natura tagħhom, ma jistgħux jingħataw lura, jew li jistgħu jiddeterjoraw, jew jiskadu b’mod mgħaġġel;
    d) għall-forniment ta’ awdjo jew vidjow recordings jew software tal-kompjuter meta s-siġill jitneħħa mill-konsumatur;
    e) għall-forniment ta’ gazzetti, perjodiċi u rivisti;
    f) għal servizzi ta’ logħob u lotteriji.

Importanti
Meta tixtri online dejjem huwa rakkomandabbli li tixtri minngħand negozjant professjonali milli minngħand individwu privat. Meta tixtri minngħand individwu privat se jnaqqas id-drittijiet tiegħek b’mod konsiderevoli minħabba li f’ċirkostanzi bħal dawn kemm il-bejjiegħ u x-xerrej jaġixxu f’kapaċità privata u għalhekk it-tranżazzjoni ma tkunx regolati mil-leġislazzjoni tal-konsumatur.

“Transazzjoni tal-konsumatur” hija meqjusa li tkun tranżazzjoni bejn individwu privat li jixtri oġġetti jew servizzi għall-użu personali tiegħu minngħand bejjiegħ li jamministra n-negozju, professjoni jew sengħa tiegħu.