Bejgħ ta’ Oġġetti għall-Konsumaturi u Garanziji meta tixtri minn pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropeja

Fi ħdan l-Unjoni Ewropeja (UE) hemm sett komuni ta’ regoli li japplikaw għall-konsumatur. Għalhekk jekk inti qiegħed barra fuq btala jew jekk ordnajt prodott mill-internet, l-istess regoli japplikaw daqs li kieku l-prodott kien mixtri minn Malta.

Meta l-konsumatur  jixtri oġġetti u servizzi, huwa mistenni li l-prodotti mixtrija huma f’konformità mal-kuntratt tal-bejgħ. Fi kliem ieħor, il-konsumatur għandu jirċievi dak li ħallas għalih.

Dan ifisser li l-oġġetti għandhom ikunu konformi mad-deskrizzjoni provduta mill-bejjiegħ u għandu jkollhom l-istess kwalitajiet bħall-prodotti li l-bejjiegħ ikun wera bħala kampjun jew mudell. Il-prodott jeħtieġ ukoll li jkun xieraq għall-iskop li għalih il-prodotti tal-istess tip ikunu normalment użati. Barra minn hekk huwa preżunt li jekk il-konsumatur jixtri prodott suġġett għall-kundizzjoni li dan il-prodott jwettaq ċertu funzjonijiet, huwa mistenni li l-prodott jikkonforma mad-deskrizzjoni li l-konsumatur ikun ta’ lill-bejjiegħ.

Sabiex jiġi evitat diżappunti huwa għalhekk importanti li jkun hemm qbil fuq it-termini tal-kuntratt tal-bejgħ speċjalment meta l-konsumatur ikun xtara prodott sepċifiku.

Drittijiet tal-konsumatur

Il-bejjiegħ huwa responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità sa sentejn mid-data tal-kunsinna. Meta n-nuqqas ta’ konformità joħroġ fl-ewwel sitt xhur mill-kunsinna, dan għandu jkun preżunt li dan in-nuqqas jkun jeżisti mil-mument li l-prodott ikun ikunsinnjat sakemm prova kontrarja tkun fornuta jew sakemm din il-preżunzjoni hija inkompatibbli man-natura tal-merkanzija mixtrija.

Rimedji fejn hemm nuqqas ta’ konformità

Fejn ikun hemm nuqqas ta’ konformità, il-konsumatur huwa intitolat li l-prodott jissewwa jew li jkun hemm sostituzzjoni fi żmien raġonevoli u bl-inqas inkonvenjenza lill-konsumatur.

Fejn dan ma jkunx possibbli, jew jekk is-sitwazzjoni ma tiġix rimedjata fi żmien raġonevoli, il-konsumatur huwa intitolat għal tnaqqis xieraq fil-prezz jew li jiġi rtirat il-kuntratt tal-bejgħ.

Dawn id-drittijiet japplikaw irrespettivament minn liema pajjiż fl-UE il-prodott ikun inxtara. Fil-każ fejn il-bejjiegħ u l-konsumatur jinsabu f’pajjiżi differenti, il-bejjiegħ huwa responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità. Japplikaw dawn id-drittijiet kemm jekk il-prodotti kienu mixtrija minn ħanut jew mill-internet.

Huwa importanti li fejn hemm nuqqas ta’ konformità, l-konsumatur jikkuntattja mmedjatament lill-bejjiegħ. Il-bejjiegħ anki jekk jinsab f’pajjiż ieħor huwa obbligat li jirranġa l-problema mingħajr dewmien.

Garanzija Kummerċjali u Garanzija Internazzjonali

Il-bejjiegħ jista’ jiddeċiedi li joffri lill-konsumatur protezzjoni addizzjonali permezz ta’ garanzija. Din hija magħrufa bħala l-“garanzija kummerċjali”. Il-garanzija kummerċjali tipproteġi lill-konsumatur skond il-kondizzjonijiet li jkun hemm imniżżla fid-dokument ta’ din il-garanzija.
Tip ta’ garanzija kummerċjali hi dik li nsejħulha l-garanzija internazzjonali. Din il-garanzija bħala kwalunkwe garanzija kummerċjali oħra toffri protezzjoni lill-konsumatur taħt it-termini mniżżla fid-dokument tal-garanzija. Normalment il-garanzija internazzjonali tinħareġ mill-manifattur u bis-saħħa ta’ din il-garanzija l-manifattur jintrabat li il-prodott partikolari jiġi mantnut jew imsewwi minn aġent awtorizzat fil-pajjiż fejn jgħix il-konsumatur. Madankollu wieħed għandu jżomm f’moħħu li mhux neċessarjament f’kull pajjiż hemm aġent awtorizzat, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi l-fabbrikant jista’ joffri li jagħmel manutenzjoni jew isewwi l-prodott għand l-eqreb aġent f’pajjiż ieħor li ma jkunx il-pajjiż tar-residenza tiegħek.
Għalhekk qabel ma tixtru prodott wieħed m’għandux jiddependi biss fuq id-deċiżjoni li l-prodott partikolari jġorr miegħu garanzija internazzjonali. Huwa importanti li jiġi vverifikat jekk hemmx aġent awtorizzat f’Malta li jista’ jesegwixxi dik il-garanzija.

Il-konsumatur għandu jżomm f’moħħu li kwalunkwe garanzija oħra sew jekk garanzija ta’manifattur jew garanzija kummerċjali hija żieda u ma tieħux post id-drittijiet bażiċi li kull konsumatur għandu bil-liġi. Barra minnhekk il-garanzija kummerċjali offruta mill-bejjiegħ jew mill-manifattur għandha tiddikjara biċ-ċar li d-drittijiet legali tiegħek ma jkunux affettwati minn tali garanzija.