Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Regoli ġodda tal-UE jiżguraw protezzjoni aħjar għal 120 miljun turist dan is-sajf

Brussell, id-29ta’ gunju 2018

Minn nhar il-Ħadd, l-1 ta’ Lulju, vjaġġaturi li jibbukkjaw vaganzi kollox kompriż se jkollhom drittijiet tal-konsumatur aktar b’saħħithom.

Ir-regoli l-ġodda mhumiex se jkopru biss il-vaganzi kollox kompriż tradizzjonali, imma se jipproteġu wkoll lill-konsumaturi li jibbukkjaw forom oħra ta’ vjaġġi kkombinati, inkluż pakketti ppersonalizzati minnhom stess, fejn il-vjaġġatur jagħżel l-elementi differenti minn punt uniku ta’ bejgħ online jew offline. Ir-regoli l-ġodda se jintroduċu wkoll protezzjoni għal “arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta” fejn il-vjaġġatur jixtri servizzi tal-ivvjaġġar f’punt ta’ bejgħ, iżda permezz ta’ proċessi ta’ prenotazzjoni separata, jew, wara li jkun ibbukkja servizz wieħed tal-ivvjaġġar fuq sit web wieħed, jiġi mistieden biex jibbukkja servizz ieħor fuq sit web differenti.

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi qalet: “Li tibbukkja l-vaganzi tiegħek online huwa faċli, iżda jekk xi ħaġa tmur ħażin, trid tkun żgur li tkun kompletament protett. Ir-regoli l-ġodda dwar il-vjaġġi kollox kompriż issa huma addattati għall-era diġitali u għall-modi l-ġodda ta’ kif wieħed jibbukkja l-vaganzi. Il-vjaġġaturi se jgawdu wkoll minn drittijiet ġodda u se jkunu protetti sew f’każ li l-operatur ifalli. Ir-regoli l-ġodda se jagħmluha eħfef għal negozji tal-ivvjaġġar li joffru s-servizzi tagħhom fuq livell transfruntier.”

Ir-regoli l-ġodda se jkunu ta’ benefiċċju saħansitra akbar għall-konsumaturi b’dawn li ġejjin:

  • Informazzjoni aktar ċara għall-vjaġġaturi: In-negozji jridu jinformaw lill-vjaġġaturi jekk ikunux qed joffrulhom pakkett jew arranġament tal-ivvjaġġar marbut, u dwar id-drittijiet ewlenin tagħhom permezz ta’ formoli standardizzati ta’ informazzjoni. Huma jridu jipprovdu informazzjoni ċara dwar il-karatteristiċi tal-pakkett, il-prezz tiegħu u kull ħlas addizzjonali li jista’ jkun hemm.
  • Rimborż u ripatrijazzjoni fil-każ ta’ falliment: Il-kumpaniji li jbigħu vaganzi kollox kompriż irid ikollhom protezzjoni mill-insolvenza. Din il-garanzija tkopri rifużjonijiet u ripatrijazzjoni fil-każ li l-organizzaturi jfallu. Din il-garanzija tapplika wkoll għal arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta.
  • Regoli aktar ċari dwar ir-responsabbiltà: L-organizzatur tal-pakkett huwa responsabbli jekk xi ħaġa tmur ħażin, indipendentement minn min jipprovdi s-servizzi tal-ivvjaġġar.
  • Drittijiet ta’ kanċellament aktar b’saħħithom: Bir-regoli l-ġodda, il-vjaġġaturi jistgħu jikkanċellaw il-vaganza kollox kompriż tagħhom għal kwalunkwe raġuni billi jħallsu tariffa raġonevoli. Jistgħu jikkanċellaw il-btala tagħhom mingħajr ħlas jekk id-destinazzjoni tagħhom issir perikoluża, pereżempju minħabba gwerer jew diżastri naturali, jew jekk il-prezz tal-pakkett jiżdied b’aktar minn 8 % tal-prezz oriġinali.
  • Akkomodazzjoni jekk il-vjaġġ tar-ritorn ma jkunx jista’ jsir: Fejn il-vjaġġaturi ma jkunux jistgħu jirritornaw mill-vaganzi kollox kompriż tagħhom, pereżempju fil-każ ta’ diżastri naturali, il-vjaġġaturi jingħataw akkomodazzjoni għal mhux aktar minn tlitt iljieli jekk ma jkunux jistgħu jirritornaw mill-btala tagħhom fil-ħin. ljieli supplimentari huma koperti f’konformità mar-regolamenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri rilevanti.
  • Assistenza lill-vjaġġaturi: L-organizzatur tal-pakkett irid ukoll jipprovdi assistenza lil vjaġġaturi f’diffikultà, b’mod partikolari, billi jipprovdi informazzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa u l-assistenza konsulari.

Ir-regoli l-ġodda se jibbenefikaw ukoll lill-intrapriżi, b’:

  • Regoli aktar ċari, li jagħmlu l-attivitajiet transfruntieri aktar faċli: In-negozji issa se jkollhom jittrattaw ma’ sett wieħed ta’ regoli dwar ir-rekwiżiti tal-informazzjoni, ir-responsabbiltà u obbligi oħra madwar l-UE. L-iskemi nazzjonali ta’ insolvenza issa huma wkoll rikonoxxuti madwar l-UE. Dawn il-miżuri se jippermettu lill-kumpaniji joperaw fl-UE daqslikieku kienu f’pajjiżhom.
  • Ir-rekwiżiti modernizzati tal-informazzjoni ma għadhomx ibbażati esklussivament fuq il-fuljetti tal-ivvjaġġar: il-fatt li l-operaturi mhux se jkollhom jerġgħu jistampaw fuljetti informattivi huwa mistenni li jiffrankalhom EUR 390 miljun fis-sena.
  • Tnaqqis fil-piż regolatorju: L-ivvjaġġar għan-negozju rranġat taħt ftehim qafas, pereżempju ma’ aġenzija tal-ivvjaġġar speċjalizzata, mhux se jibqa’ jkun kopert mid-Direttiva.

Il-passi li jmiss

L-Istati Membri kellhom sal-1 ta’ Jannar 2018 biex jimplimentaw ir-regoli fil-liġi nazzjonali. Imbagħad, kien hemm perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sitt xhur, sal-1 ta’ Lulju, li hija d-data meta l-miżuri nazzjonali li jittrasponu id-Direttiva se jibdew japplikaw. Il-Kummissjoni se teżamina kif ir-regoli ġew trasposti u kif qed jiġu applikati fl-Istati Membri. Hija se tieħu miżuri ta’ segwitu xierqa, kif meħtieġ.

Il-kuntest

Sabiex testendi l-protezzjoni offruta mid-Direttiva tal-UE tal-1990 dwar il-Vjaġġi Kollox Inkluż, il-Kummissjoni għamlet proposta f’Lulju 2013, li ġiet adottata formalment mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri f’Novembru 2015. Dawn ir-regoli l-ġodda kellhom jiġu trasposti mill-Istati Membri sal-1 ta’ Jannar 2018. Mill-1 ta’ Lulju, dawn ir-regoli huma applikabbli fl-Istati Membri.

Ir-regoli l-ġodda japplikaw għal kombinazzjonijiet ta’ mill-inqas żewġ tipi ta’ servizzi tal-ivvjaġġar (trasport, akkomodazzjoni, kiri ta’ karozzi jew servizzi oħra, pereżempju żjarat bil-gwida) inkluż:

  • pakketti, bħal vaganzi b’kollox imħejji mingħand operatur turistiku u issa wkoll għażla personalizzata ta’ komponenti mill-vjaġġatur mixtrija minn punt tal-bejgħ wieħed online jew offline;
  • arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, pereżempju, meta l-vjaġġatur jixtri servizzi tal-ivvjaġġar f’punt ta’ bejgħ wieħed, iżda permezz ta’ proċessi ta’ prenotazzjoni separati, jew, wara li jkun ibbukkja servizz wieħed tal-ivvjaġġar fuq sit web wieħed, ikun mistieden biex jibbukkja servizz ieħor fuq sit web differenti, bil-kundizzjoni li t-tieni booking isir fi żmien 24 siegħa.

Aktar informazzjoni

 

IP/18/4293

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl – e-mail