Brussell, it-13ta’ jannar 2020

Illum il-Kummissjoni Ewropew ħarġet ir-riżultati ta’ stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fl-Unjoni Ewropea (UE). Skont l-istħarriġ, 43 % taċ-ċittadini tal-UE li vvjaġġaw bl-ajru, bil-ferrovija fit-tul, bil-kowċ jew bil-vapur fl-aħħar 12-il xahar (minn hawn ‘il quddiem “il-vjaġġaturi”) jafu li l-UE implimentat drittijiet għall-passiġġieri.

Il-Kummissarju għat-Trasport, Adina Vălean, stqarret: “L-Unjoni Ewropea hija l-uniku reġjun fid-dinja fejn iċ-ċittadini huma protetti b’sett sħiħ ta’ drittijiet tal-passiġġieri. Madankollu, jeħtieġ li dawk id-drittijiet ikun hemm aktar għarfien dwarhom u fehim tagħhom, u jridu jiġi infurzati. Ir-regoli tagħna għandhom jipprovdu wkoll aktar ċertezza legali lill-passiġġieri u lill-industrija. Għalhekk il-Kummissjoni pproponiet li timmodernizza d-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru u bil-ferrovija.Issa neħtieġu li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jilħqu ftehim fuqhom malajr sabiex jiżguraw li min jivvjaġġa fl-UE jkun effettivament protett.”

Id-drittijiet tal-passiġġieri huma ddefiniti fil-livell tal-UE. Jiġu applikati mill-fornituri tat-trasport, u jiġu infurzati minn entitajiet nazzjonali. Minħabba d-differenzi minn prattika nazzjonali għal oħra, il-passiġġieri jistgħu jsibuha bi tqila jieħdu stampa ċara ta’ x’għandhom jagħmlu u fejn għandhom jirrikorru, aktar u aktar għax il-passiġġieri spiss jaqsmu fruntieri tal-UE huma u jivvjaġġaw.

Il-Kummissjoni diġà kattret l-isforzi biex id-drittijiet tal-passiġġieri tagħmilhom iktar ċari, u biex tqajjem iktar kuxjenza dwarhom. Il-Kummissjoni għamlet dan permezz ta’ proposti leġiżlattivi għad-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru u bil-ferrovija, permezz ta’ linji gwida, u permezz ta’ komunikazzjoni regolari dwar ġurisprudenza rilevanti. Il-Kummissjoni varat ukoll kampanja ta’ sensibilizzazzjoni.

Aktar riżultati mill-istħarriġ
•32 % minn dawk li wieġbu (inkluż dawk li ma vvjaġġawx b’wieħed mill-mezzi ta’ trasport imsemmija fl-aħħar 12-il xahar) jafu bl-eżistenza tad-drittijiet tal-passiġġieri fl-UE, għat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija, bil-kowċ jew bil-vapur. Madankollu, 14 % biss jafu speċifikament bid-drittijiet tagħhom fejn jidħol l-ivvjaġġar bl-ajru, 8 % għat-trasport bil-ferrovija, 5 % għall-kowċ, u 3 % għall-vapur. Dawk li wieġbu u li vvjaġġaw b’tal-anqas mezz wieħed minn dawk imsemmija iktar hemm probabbiltà li jkunu jafu bid-drittijiet tal-passiġġieri (43 % vs 32 %), għalkemm dan il-perċentwal għadu taħt il-50 %.
•Il-perċentwal ta’ vjaġġaturi li jħossu li l-kumpaniji tat-trasport kienu infurmawhom tajjeb bid-drittijiet tagħhom sa minn qabel bdew il-vjaġġ, ivarja skont il-mezz ta’ trasport li użaw: 40 % għall-passiġġieri tal-ajru, 29 % għall-passiġġieri bil-vapur, 26 % għall-passiġġieri tal-ferrovija u 26 % għall-passiġġieri bil-kowċ. Rigward l-informazzjoni li waslet għand il-passiġġieri matul il-vjaġġ jew wara, il-perċentwali huma saħansitra iktar baxxi.
•Minn fost dawk li wieġbu, x’aktarx ikunu dawk li ħabbtu wiċċhom ma’ problemi huma u jivvjaġġaw bl-ajru, flok b’mezz ieħor, l-iktar li jilmentaw: ilmentaw 37 % tal-passiġġieri tal-ajru vs 26 % tal-passiġġieri bil-kowċ, 24 % tal-passiġġieri tal-ferrovija, u 18 % tal-passiġġieri bil-vapur. Il-mezzi kollha flimkien: 26 %. Fost dawk li wieġbu u li ġarrbu tfixkil fil-vjaġġ iżda ma ressqux ilment uffiċjali (72 %), l-iktar raġuni probabbli talli ma lmentawx kienet is-sensazzjoni li kienu se jilmentaw għalxejn (45 %), u t-tieni raġuni kienet li l-ammont ta’ flus involut kien żgħir wisq (25 %).
•Minn dawk li ġarrbu tfixkil fil-vjaġġ bl-ajru fl-aħħar 12-il xahar, 53 % indikaw li l-linja tal-ajru offriet xi top ta’ għajnuna (ikel u xorb, jew titjira alternattiva, rimborż, kumpens finanzjarju, alloġġ, eċċ.), irrispettivament jekk il-passiġġieri lmentawx jew le. 43 % biss tal-passiġġieri tal-ferrovija li wieġbu, u 38 % ta’ dawk li vvjaġġaw bil-kowċ jew bil-vapur, indikaw li l-kumpaniji tat-trasport offrewlhom għajnuna f’każ ta’ tfixkil.
•55 % ta’ dawk li wieġbu u li lmentaw lill-kumpanija tat- trasport dwar tfixkil tal-vjaġġ jgħidu li kienu sodisfatti bil-mod kif l-ilment tagħhom ġie ttrattat, iżda 37 % biss ta’ dawk li ġarrbu tfixkil esprimew ruħhom sodisfatti bil-mod kif il-kumpanija tat-trasport kienet infurmathom dwar il-proċeduri ta’ lment.
•Il-maġġoranza l-kbira (81 %) ta’ dawk li f’xi mument talbu assistenza għal persuna b’diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa (jiġifieri 8 % minn dawk li wieġbu) iddikjaraw li baqgħu sodisfatti bir-risposta tal-kumpanija tat-trasport. Inqas persuni (60 %) esprimew sodisfazzjon meta vvjaġġaw b’aktar minn mezz wieħed.

Il-passi li jmiss

Ir-riżultati tal-istħarriġ se jlaħħmu żewġ proċeduri leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bil-ferrovija u bl-ajru, kif ukoll evalwazzjonijiet tad-drittijiet tal-passiġġieri b’tal-linja jew bil-kowċ, tad-drittijiet tal-passiġġieri bil-vapur, u tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa. F’dan il-kuntest se titqies ukoll l-aċċessibbiltà għat-trasport multimodali għal dawn il-passiġġieri, kif ukoll għal vjaġġaturi oħra.

Kuntest

L-istħarriġ sar bejn id-19 ta’ Frar u l-4 ta’ Marzu 2019, u fih ġew intervistati 27 973 ċittadin tal-UE.

Leġiżlazzjoni tal-UE biex tipproteġi d-drittijiet tal-passiġġieri, u biex tiżgura li dawk id-drittijiet ma jintilfux f’biżibilju ta’ regoli nazzjonali, ġiet introdotta għall-mezzi kollha ta’ trasport. Din hija sitwazzjoni unika fid-dinja, billi ebda kontinent ieħor ma joffri tali protezzjoni għal kull mezz ta’ trasport.

Aktar informazzjoni

Ir-riżultati sħaħ tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri

Informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE hija disponibbli fuq is-sit L-Ewropa Tiegħek.