Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi jtejbu l-mod kif jittrattaw lill-konsumaturi, bis-saħħa tal-infurzar madwar l-UE

Brussell, id-19ta’ jannar 2017

Qatt xi darba bbukkjajt karozza minn fuq l-internet u tiskopri li jkollok tħallas aktar hekk kif tkun qiegħed fl-uffiċċju tal-kiri?

Qatt xi darba bbukkjajt karozza minn fuq l-internet u tiskopri li jkollok tħallas aktar hekk kif tkun qiegħed fl-uffiċċju tal-kiri? Hekk ġralhom, is-sena li għaddiet, 2,000 konsumatur fl-Ewropa, li rrapportaw dawn il-kwistjonijiet liċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumaturi, li jgħinu lill-konsumaturi meta jivvjaġġaw jew jixtru minn Stat Membru li ma jkunx tagħhom.

Wara żieda qawwija fl-għadd ta’ lmenti rigward kwistjonijiet marbuta mal-kiri tal-karozzi, il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumaturi daħlu f’taħdidiet mal-ħames kumpaniji ewlenin tal-kiri tal-karozzi sabiex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati.

Illum, l-awtoritajiet iddeċidew li jikkonkludu din il-fażi ta’ kooperazzjoni fl-infurzar. Huma sodisfatti bil-bidliet li għamlu l-ħames kumpaniji ewlenin tal-industrija, Avis, Europcar, Enterprise, Hertz u Sixt fil-prattiċi kummerċjali tagħhom, li issa huma konformi mar-regoli tal-konsumatur tal-UE. L-assoċjazzjoni tal-kummerċ tal-UE, Leaseurope, li għenet biex ġiet stabbilita l-azzjoni min-naħa tal-industrija, qiegħda ukoll tkompli tiżviluppa l-linji gwida prattiċi tagħha għas-settur kollu tan-negozju tal-kiri tal-karozzi.

Věra Jourová, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, qalet: “Illum huwa jum importanti għall-konsumaturi Ewropej. Ħdimna ħafna mal-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi biex niggarantixxu li n-nies madwar l-UE jkunu jistgħu jikru karozza u li jiġu ttrattati b’mod ġust — irrispettivament minn fejn fl-UE ikunu krew il-karozza. Nirringrazzja lill-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumaturi għall-ħidma eċċellenti tagħhom u lill-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi għall-kooperazzjoni tagħhom. Il-konsumaturi madwar l-Ewropa issa jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom u jkunu mħarsa aħjar.”

Bis-saħħa ta’ dan id-djalogu mal-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur, iffaċilitat mill-Kummissjoni Ewropea taħt it-tmexxija tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tas-Swieq tar-Renju Unit, il-konsumaturi se jibbenefikaw minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • Il-prezz tal-ibbukkjar ikun jinkludi kull tariffa inevitabbli. Pereżempju, meta t-tajers tax-xitwa jkunu obbligatorji bil-liġi f’xi pajjiżi, il-prezz irid ikun jinkludihom fil-prezz ewlieni li jidher (“headline price”).
  • Is-servizzi prinċipali marbuta mal-kirja jkunu deskritti b’lingwaġġ sempliċi. Il-konsumaturi se jkunu pprovduti b’informazzjoni ċara dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-kirja (il-kilometraġġ inkluż fil-kirja, il-prassi fejn jidħol il-fjuwil, il-prassi fil-każ ta’ kanċellazzjoni, id-depożiti meħtieġa, eċċ.).
  • L-informazzjoni dwar assigurazzjoni addizzjonali tkun ċara. Il-konsumaturi se jingħataw il-prezz u d-dettalji ta’ xi servizzi addizzjonali fakultattivi, b’mod partikolari fil-każ ta’ xi assigurazzjoni addizzjonali li biha jonqos l-ammont li jkollu jitħallas f’każ ta’ ħsarat. Dak li jkun kopert mill-assigurazzjoni fil-prezz tal-kiri bażiku u fi kwalunkwe assikurazzjoni addizzjonali għandu jkun indikat b’mod ċar qabel ma l-konsumatur jixtri tali prodotti.
  • Prassi trasparenti fejn jidħol il-fjuwil. Il-konsumaturi se jingħataw dejjem l-għażla li jingħataw karozza b’tank mimli u jirritornawha mimlija.

Għal dak li jolqot id-danni:

  • Ikun hemm proċedura ċara rigward l-ispezzjoni tal-vettura. Il-konsumaturi jingħataw ir-raġunijiet u l-evidenza ta’ kwalunkwe ħsara, qabel ma jittieħed il-ħlas.
  • Ikun hemm proċedimenti ġusti fil-każ ta’ xi ħsarat. Il-konsumatur jingħata l-opportunità li jikkontesta xi ħsarat qabel ma jittieħed il-ħlas.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur ser ikomplu jissorveljaw mill-viċin is-suq tal-kiri tal-karozzi. Il-Kummissjoni se tiffoka b’mod partikolari fuq il-prattiki ta’ atturi oħrajn fis-suq, bħal ma huma l-intermedjarji u kumpaniji oħrajn tal-kiri tal-karozzi. L-atturi kollha għandhom joffru l-istess livell ta’ trasparenza fejn jidħol is-servizz u l-ispiża.

L-isfond

Il-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-konsumatur Ewropej u l-ħames kumpaniji ewlenin tal-kiri tal-karozzi – li jirrappreżentaw tnejn minn kull tliet kumpaniji tal-kiri tal-karozzi privati fl-UE – bdew djalogu fl-2014 wara li ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi rċevew għadd kbir ta’ lmenti minn turisti madwar l-UE (ara IP/15/5334).Il-ħames kumpaniji tal-kiri tal-karozzi ewlenin Avis, Europcar, Enterprise, Hertz u Sixt issa bidlu u tejbu l-prattiki kummerċjali, il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-politiki interni tagħhom fi ħdan dan id-djalogu u l-implimentazzjoni tal-bidliet hija issa lesta.

In-numru ta’ lmenti fis-settur tal-kiri tal-karozzi rdoppja bejn l-2010 u l-2016, filwaqt li l-għadd totali ta’ lmenti riċevuti miċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej żdied biss b’żewġ terzi. Kien hemm madwar 1,050 każ fl-2012, 1,750 fl-2014, u aktar minn 2,000 fl-2016. Din l-evidenza ta’ prattiki problematiċi mifruxa fil-kiri tal-karozzi li ltaqgħu magħha ċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej wasslet lill-Kummissjoni Ewropea biex titlob lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ infurzar, taħt it-tmexxija tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tas-Swieq tar-Renju Unit, biex taġixxi b’mod konġunt fuq il-livell tal-UE u titlob lill-industrija tal-kiri tal-karozzi biex ikun hemm konformità aħjar mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur.

Ir-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC) iġib flimkien lill-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur f’netwerk pan-Ewropew tal-infurzar, li permezz tiegħu jkun hemm awtorità nazzjonali f’pajjiż wieħed tal-UE li tkun tista’ tistieden il-kontropartijiet tagħha f’pajjiż ieħor tal-UE biex tikkoordina r-rispons fil-każ ta’ kwistjonijiet mifruxa li jolqtu lill-konsumatur. Il-Kummissjoni Ewropea tiffaċilita din il-ħidma.

___________________________________________________________________________________________________________

Peter minn Cologne kien kera karozza għall-vaganza tiegħu f’Nizza mal-familja tiegħu. Madankollu, huwa laqat blata żgħira u informa lill-kumpanija tal-kiri tal-karozza hekk kif irritorna. Ma kien hemm l-ebda ħsara evidenti fil-karozza. Peter ħaseb li ma kien se jisma’ xejn iktar, iżda malajr sab li l-karta ta’ kreditu tiegħu kienet ġiet iddebitata b’aktar minn EUR 600. Huwa pprotesta minnufih. Iżda l-kumpanija tal-kiri tal-karozzi insistiet li Peter kellu jħallas, mingħajr ma spjegatlu li s-servizz bażiku tal-kiri li ngħata ma kienx ikopri ħsara li ssir fil-parti ta’ taħt tal-karozza peress li dan kien spjegat biss x’imkien b’tipa żgħira. Peter mar ikellem liċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur tal-Ġermanja.

Minn issa, il-ħames kumpaniji tal-kiri tal-karozzi ewlenin ikollhom jinfurmaw b’mod ċar lill-konsumaturi dwar dak li huwa kopert fis-servizz bażiku tal-kiri tal-karozzi, b’mod partikolari dwar liema danni ma jkunux koperti jew li jkunu milquta minn ħlaż addizzjonali. Barra minn hekk, il-kumpanija tal-kiri tal-karozzi jkollhom jippreżentaw il-kont reali għat-tiswija jew inkella stima ġusta tal-ispejjeż tat-tiswija lil Peter, qabel ma jkunu jistgħu jieħdu l-flus mill-kont tiegħu.

______________________________________________________________________________________________

 

Għal aktar tagħrif

Sib iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur f’pajjiżek

Ir-rapport fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju taċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur

Il-politika tal-konsumatur tal-UE – infurzar

IP/17/86

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl – e-mail