Kif għandek tagħmel ilment mal-kummerċjant meta dan il-kummerċjant jinsab f’pajjiż Ewropew ieħor dwar xi prodott li inti xtrajt mill-internet jew meta kont fuq btala?

L-ECC jagħtuk parir dwar dak li għandek tagħmel kif ukoll kif tissottometti l-ilment tiegħek.

 

Kif tissottometti l-ilment?

Tista’ tissottometti l-ilment jew billi tikkuntattja liċ-Ċentru bl-informazzjoni kollha u d-dokumentazzjoni relatata mal-każ tiegħek jew billi tissottometti l-ilment tiegħek direttament billi tagħfas il-link hawn taħt.

Il-formola online tippermettilek li inti timla d-dettalji tiegħek u d-dettalji tan-negozjant, kif ukoll tagħżel il-pajjiż fejn jinsab l-istabbiliment tal-kummerċjant. Fil-formola inti ser tkun mitlub li timla deskrizzjoni dettaljata tal-każ tiegħek kif ukoll biex tehmeż kull dokumentazzjoni li tkun rilevanti għall-każ tiegħek, bħal; prova ta’ xiri jew ħlas u kull korrispondenza oħra bil-miktub li inti għandek mal-kummerċjant. Ladarba tkun imlejt il-formola inti tkun tista’ tibgħat l-ilment.

Proċedura kif l-ECC tittrata l-każ tiegħek

Ladarba ċ-Ċentru jirċievi l-formola mimlija, aħna nirrikonoxxu l-ilment tiegħek kemm jista’ jkun malajr. Hekk kif nirċievu d-dokumentazzjoni kollha relatata mal-każ tiegħek aħna ninfurmawk jekk il-każ tiegħek ikunx ser jintbagħat lill-ECC fejn huwa stabbilit il-kummerċjant. L-ECC tiddeċiedi jekk il-każ għandux jagħddi għall-konċiljazzjoni mal-kummerċjant. Ladarba każ jittieħed mill-ECC, il-proċedura ta’ medjazzjoni tibda’ u l-kummerċjant jiġi kkuntattjat f’isem il-konsumatur bil-għan li jilħqu soluzzjoni amikevoli għall-ilment tiegħek.

L-ECC meta jibda’ jittratta l-każ jikkomunika mall-kummerċjant l-obbligi li dan tal-aħħar għandu lejn il-konsumatur. Dawn l-obbligi joriġinaw mil-leġiżlazzjoni li tkun rilevanti għall-każ speċifiku. L-ECC tieħu wkoll f’kunsiderazzjoni l-istandards ta’ raġonevolezza u l-ġustizzja meta tkun qed tikkomunika man-negozjant fuq l-ilment tiegħek.
L-ECC tal-konsumatur sussegwentement tinforma lill-konsumatur dwar kwalunkwe aġġornamenti fuq il-każ tiegħu jew tagħha malli tirċievi kull tip ta’ informazzjoni mill-ECC fejn huwa stabbilit il-kummerċjant. Huwa rakkomandabbli li jekk hemm xi żviluppi mill-parti tal-konsumatur, jiġu kkomunikati immedjatament mal-ECC tal-konsumatur sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jikkomunikaw mall-ECC ta’ fejn huwa stabbilit in-negozjant, minħabba li tali żviluppi jista’ jkollhom effett fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ medjazzjoni.
Il-medjazzjoni għandha perijodu stabbilit ta’ 70 jum minn meta l-każ jiġi aċċettat mill-ECC fejn huwa stabbilit il-kummerċjant, madankollu dan kollu jiddependi fuq il-kollaborazzjoni tal-kummerċjant maċ-Ċentru u ċ-ċirkustanzi tal-każ.

X’jiġri jekk ma tinstabx soluzzjoni?

F’ħafna każijiet l-eżitu tal-medjazzjoni tal-ECC ħafna drabi tkun li l-konsumatur ikun sodisfatt, madankollu jista’ jiġri li l-kummerċjant jirrifjuta li jikkoopera jew li jżomm il-pożizzjoni tiegħu. F’dak il-każ ladarba l-ECC tkun għamlet diversi tentattivi biex jintlaħaq ftehim bonarju, il-każ jingħalaq u l-proċedura ta’ medjazzjoni tieqaf. Madankollu l-ECC tfittex flimkien mal-konsumatur rimedji oħra li jistgħu jkunu disponibbli għalih, bħall-possibbiltà ta’ rimedju barra mill-qorti dispute resolution body li jista’ jimmaniġġja il-każ partikolari jew saħansitra il-possibbiltà li jipreżenta proċedimenti ġudizzjarji.