Xtrajt magna għan-negozju tiegħi, sfortunatament din il-magna żviluppat ħsara, nista’ nressaq ilment mal-ECC?

F’dan il-każ l-ECC mhux se tkun kapaċi li tintervjeni. L-ECC tittratta transazzjonijiet bejn il-konsumatur u  l-kummerċjant. Konsumatur skont id-definizzjoni huwa persuna li taġixxi barra mill-kummerċ, negozju jew professjoni tiegħu. F’dan il-każ il-kwistjoni għandha tiġi ttrattata privatament jew wieħed jista’ jikkunsidra wkoll li jieħu azzjoni legali.

Xtrajt mobajl miċ-Ċina iżda żviluppa difett wara biss ftit xhur, ikkuntattjat lill-bejjiegħ, iżda huwa rrifjuta li jipprovdi rimedju. Nista’ nressaq ilment mal-ECC?

L-ECC tittratta ilmenti kontra negozji li jinsabu fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fin-Norveġja u l-Islanda. Jekk għandek ilment kontra negozju li jinsab barra l-UE, in-Norveġja jew l-Islanda inti tista’ tagħmel dan billi tidħol fis-sit www.econsumer.gov

Kont qiegħed infittex fuq l-internet fuq sit intermedjarju biex nixtri laptop u ddeċidejt li nixtri mingħand individwu privat. Il-laptop waqaf jaħdem wara sena. X’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Meta tixtri mingħand individwu privat tkun qed tnaqqas id-drittijiet tiegħek b’mod konsiderevoli, peress li f’ċirkustanzi bħal dawn kemm il-bejjiegħ kif ukoll ix-xerrej qed jaġixxu f’kapaċità privata u għalhekk it-transazzjoni ma tkunx tista’ tiġi rregolata mil-leġislazzjoni tal-konsumatur.

Xtrajt vettura użata mingħand bejjiegħ fir-Renju Unit permezz tal-internet. Meta bdejt nsuq il-vettura f’Malta żviluppat ħsara. X’nista’ nagħmel f’din iċ-ċirkustanza?

Filwaqt li r-rimedju f’dan il-każ tiddependi ħafna fuq it-tip ta’ ħsara li żviluppat fil-prodott, skont il-leġislazzjoni tal-konsumatur tal-UE, il-kwalità u l-prestazzjoni tal-prodotti mibjugħa trid tkun sodisfaċenti skont id-dikjarazzjonijiet magħmula dwar l-istess prodotti mill-bejjiegħ jew mir-rappreżentant tiegħu. Għalhekk, jekk il-karozza żviluppat ħsara li inti ma stajtx tinnota fil-mument tax-xiri minħabba l-istqarrijiet magħmula dwar il-karozza mill-bejjiegħ kienu qarrieqa, inti intitolat għal rimedju. Għalhekk l-ewwel li trid tagħmel hu li tikkuntattja lill-bejjiegħ biex taqblu dwar il-mod kif il-ħsara ser tiġi msewwija. Bħala eżempju inti tista’ tieħu l-karozza għand mekkanik lokali approvat mill-bejjiegħ sabiex tagħmel it-tiswijiet neċċessarji.

Nixtieq nirritorna libsa li xtrajt minn fuq l-internet minħabba Ii sibt waħda aħjar fuq sit ieħor. Nista’ nibgħat lura l-libsa mingħajr ma neħel spejjeż?

Meta inti tixtri permezz ta’ waħda mill-mezzi ta’ komunikazzjoni, bħal meta tixtri minn fuq l-internet, inti għandek id-dritt li tirritorna l-oġġetti mixtrija fi żmien 14-il ġurnata minn meta tirċievi l-oġġetti mingħajr ma tagħti raġuni. Madankollu, il-bejjiegħ jista’ jitlob li inti tħallas l-ispejjeż tal-posta.

Nista’ nirritorna prodott li xtrajt mill-ħanut?

Le. Id-dritt ta’ rtirar japplika biss għal xiri mid-distanza bħal xiri online. Madankollu, filwaqt li l-bejjiegħ ma jkollhom ebda obbligu legali biex jaċċettaw merkanzija rritornata u jagħtu rimbors, jista’ jkun possibbli li l-ħanut partikulari jaċċetta’ din il-possibiltà. Il-bejjiegħ jista’ jaċċetta li jagħtik lura l-flus tiegħek meta tirritorna l-oġġetti jew li jtik nota ta’ kreditu jew voucher.

Nista’ nirritorna nuċċali tal-vista li ordnajt mir-Renju Unit lura lill-bejjiegħ?

Wieħed irid iżomm f’moħħu li d-dritt ta’ rtirar ma japplikax għal oġġetti magħmula speċifikament għall-ħtiġijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur.

Meta kont fuq btala fl-Italja, xtrajt kamera. Sfortunatament din m’għadhiex taħdem. X’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Prodotti mixtrija, għandhom ikunu konformi mal-kuntratt tal-bejgħ u l-prodotti jeħtieġu wkoll li jkunu tajbin għall-iskop li għalih prodotti simili jkunu normalment użati. Għalhekk, meta jkun hemm nuqqas ta’ konformità, il-konsumatur huwa intitolat li l-prodott jissewwa mingħajr ħlas, permezz ta’ tiswija jew sostituzzjoni fi żmien raġonevoli u bl-inqas inkonvenjenza għall-konsumatur. Il-bejjiegħ huwa responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità sa żmien sentejn mid-data tal-kunsinna.

Wara li kkuntattjat l-bejjiegħ u infurmajtu li l-prodott mixtri ma kienx qed jaħdem, huwa offra li jsewwih. Nixtieq li l-prodott jiġi sostitwit ma’ wieħed ġdid. Nista’ nitlob dan mill-bejjiegħ?

Il-bejjiegħ jista’ joffri l-ewwel biex isewwi l-prodott u int tkun intitolata għal sostituzzjoni jekk it-tiswija tal-prodott ma tkunx possibbli jew jekk dan ser jikkawża lilek bħala konsumatur inkonvenjenza konsiderevoli. Inti tista’ wkoll tkun intitolata għal rifużjoni jekk it-tiswija jew sostituzzjoni tal-prodott ma tkunx possibbli. F’ċertu ċirkostanzi tista’ tagħżel tnaqqis xieraq fil-prezz.

Kont ġej lura minn Spanja u t-titjira tiegħi kienet ikkanċellata. It-titjira saret fil-jum ta’ wara. Nista’ nitlob kumpens?

Iva. Meta t-titjira tiegħek tiġi kkanċellata inti ntitolat għal kumpens li huwa kkalkulat skont id-distanza tat-titjira tiegħek. Dan id-dritt ta’ kumpens ma jeskludix id-dritt ta’ għajnuna li l-linja tal-ajru għandha tiprovdilek kemm-il darba inti tkun qed tistenna tistenna trasport alternattiv sabiex tasal fid-destinazzjoni finali. Lanqas ma jnaqqas id-dritt li titlob rifużjoni għall-parti tal-biljett li ma jkunx ġie użat.

It-titjira tiegħi ttardjat b’mod konsiderevoli minħabba temp ħażin ħafna. Nista’ nitlob kumpens?

Id-dritt għall-kumpens ma jibqax validu jekk it-titjira tittardja b’aktar minn 3 sigħat jew saħansitra tiġi kkanċellata minħabba “ċirkustanzi straordinarji”, jiġifieri, ċirkustanzi li huma lil hinn mill-kontroll tal-linja tal-ajru.

Meta wasalt il-Ġermanja sibt li l-bagalji tiegħi ma waslux, dawn waslu jumejn wara. Kelli nixtri ħwejjeġ żejda u bżonnijiet oħra. X’jien intitolat mil-linja tal-ajru?

Inti ntitolat li titlob mingħand il-linja tal-ajru l-ispejjeż żejda għal-xiri tal-bżonnijiet meħtieġa. Huwa importanti li żżomm l-irċevuti kollha u li inti tagħmel talba bil-miktub lil-linja tal-ajru fi żmien 21 jum minn meta l-bagalji jaslu.