In-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-NET) jinkludi 30 ċentru madwar l-Istati Membri tal-UE, Norveġja u l-Iżlanda, li jaħdmu flimkien sabiex isolvu l-ilmenti tal-konsumaturi li jgħixu fil-pajjiż tagħhom b’mod amikevoli. Kull ċentru hu kofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet nazzjonali.
L-irwol prinċipali tal-ECC-Net hu li jtejjeb il-kunfidenza tal-konsumaturi meta jagħmlu xiri minn pajjizi Ewropej billi jipprovdi informazzjoni b’xejn u b’mod kunfidenzjali u jipprovdi pariri lill-pubbliku dwar id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi, kif ukoll jassisti lill-konsumaturi fl-ilmenti transkonfinali.
Permezz tas-servizz sħiħ u ċentralizzat, l-ECC-Net għandu l-impenn li jgħin lill-konsumaturi u jħallihom igawdu mill-vantaġġi kollha li joffri s-Suq Uniku.
Dil il-Karta ta’ Kwalità tiddeskrivi s-servizzi li wieħed għandu jistenna li jirċievi u tistabbilixxi l-istandard tas-servizzi li l-konsumaturi huma intitolati li jistennew meta jikkuntattjaw lill-ECC-Net.
Jekk tixtieq tagħmel kuntatt magħna, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-ECC-Malta jew l-ECC tar-residenza tieghek permezz tal-websajt
- Nifhmu l-aspettattivi tiegħek
L-ECC-Net hu impenjat li joffri servizzi professjonali u ta’ korteżija lill-konsumaturi li jikkuntattjawh u jagħmel kull sforz sabiex jassigura li s-servizzi li jingħataw ikunu jirriflettu l-bżonnijiet u l-aspettattivi tagħkom.
Niċċekjaw il-merti tad-domanda tagħkom billi nwettqu preliminazzjoni adekwata sabiex nassiguraw li l-kwistjoni qiegħda fir-rimitu tal-ECC-Net. Membru kompetenti tat-tijm tal-ECC jieħu ħsieb id-domandi kollha tal-konsumaturi u jara li jitwieġbu f’ħin u b’mod tajjeb.
Jekk id-domanda tiegħek hi relatata ma’ suġġetti li ma jaqgħux fil-kompetenza tal-ECC-Net, aħna ninfurmaw lill-konsumatur b’dan u nipprovduh bid-dettalji ta’ kuntatt tal-organizzazzjoni kompetenti li tista’ twieġeb dik id-domanda. Jekk jogħġbok iċċekja l-lista tal-annessi li toffri informazzjoni dwar is-suġġetti li jaqgħu taħt u li huma esklużi mill-kompetenza tal-ECC-Net.
- Inwieġbu malajr kemm jista’ jkun
Kemm jekk b’ittra, b’telefown jew b’imejl, aħna ninfurmawkom li rċevejna l-ilment tagħkom u nagħmlu kull sforz sabiex nikkunsidraw l-informazzjoni/id-dokumenti li tkunu bgħattulna malajr, l-aktar tard, fi żmien 14-il ġurnata ta’ xogħol. Bħala eċċezzjoni, fi żmien meta jkollna ħafna xogħol, jekk ma nkunux nistgħu nleħħqu ma’ din l-iskadenza, tkunu nfurmati minnufih.
- Intukom pariri u gwida siewja
Ġialadarba jiġi konkluż il-proċess ta’ valutazzjoni inizjali, tkunu nfurmati bid-drittijiet tagħkom u għal xiex intom intitolati skont il-leġislazzjoni komunitarja tal-konsumatur. Tingħataw ukoll informazzjoni dwar il-mekkaniżmi disponibbli għas-soluzzjoni tat-tilwim. Il-konsumaturi jistgħu joqogħdu fuq il-parir u l-assistenza legali mogħtija.
- Nassistukom fil-proċedura ta’ soluzzjoni transkonfinali barra mill-qorti
Jekk wieħed jiltaqa’ ma’ problemi biex jassigura rimedju, l-ECC-Net jista’ jgħin fir-risoluzzjoni tal-ilment transkonfinali tal-konsumatur billi jsegwi b’mod attiv l-ilment tiegħek f’ismek. Bil-permess tiegħek, l-ECC tal-pajjiż tiegħek (ECC tal-Konsumatur) jista’ jfittex l-assistenza tal-ECC fil-pajjiż tad-domiċilju tal-kummerċjant (ECC tal-Kummerċjant).
Jista’ jkun ikollok bżonn tipprovdi d-dokumenti relevanti sabiex inkunu nistgħu nipproċedu bil-każ tiegħek.
Ġialadarba il-każ tal-konsumatur jiġi aċċettat mill-ECC tal-Kummerċjant, dan tal-aħħar irid jagħmel ħiltu sabiex isib soluzzjoni amikevoli billi jikkomunika mal-kummerċjant f’isem il-konsumatur. Il-konsumatur ikun infurmat b’kull żvilupp mill-ECC tal-Konsumatur.
L-ECC-Net m’għandu l-ebda poteri ta’ nfurzar sabiex jimponi kwalunkwe sanzjonijiet, penali jew multi fejn il-leġiżlazzjoni tal-konsumatur tkun miksura. Aħna nagħmlu kull sforz li nistgħu sabiex insolvu l-lmenti b’mod amikevoli f’isem il-konsumatur, iżda f’każ li l-bejjiegħ jonqos milli jikkopera magħna, il-konsumatur ikun avżat b’mezzi alternattivi ta’ kif jista’ jissolva l-każ, inkluż l-infurzar u l-mekkaniżmi barra l-qorti, fejn hu possibli.
- Tiġi mqabbda awtorità barra l-qorti sabiex jintlaħaq ftehim barra l-qorti fil-każ tiegħek
Wieħed mill-oġġettivi tal-ECC-Net hu li jsolvi t-tilwim tal-konsumaturi mingħajr il-bżonn li l-partijiet involuti jużaw il-proċess tal-qorti. Meta ma jkunx jista’ jintleħaq tfehim direttament mal-bejjiegħ u l-każ ma jkunx jista’ jiġi solvut bl-intervent tagħna, aħna nkunu nistgħu nissuġġerixxu is-servizzi tal-ADR (Metodi ta’ Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim) kompetenti, li tipprovdi proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, mingħajr preġudizzji għall-azzjonijiet legali. F’diversi każijiet, inkunu nistgħu nitrasferixxu l-każ tagħkom direttament lill-awtorità kompetenti, naraw il-progress li jkun qed isir u ninfurmawkom kif xieraq hekk kif il-każ ikun pendenti mal-ADR. Fil-każijiet fejn il-proċeduri għall-soluzzjoni xierqa jkunu jistgħu jitqajmu direttament mill-konsumatur, nkunu nistgħu nipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt tal-ADR kompetenti u l-informazzjoni dwar il-proċess ta’ soluzzjoni.
- Ikollna perspettiva fit-tul – iktar valur miżjud fil-każ tiegħek għall-konsumaturi kollha
Minħabba li parti mix-xogħol tagħna hu li nassistu lill-konsumaturi fl-ilmenti transkonfinali li jkollhom, l-ECC-Net qiegħed f’pożizzjoni unika sabiex jiddokumenta l-problemi li l-konsumaturi jaffaċċjaw meta jixtru prodotti u servizzi minn ġewwa l-UE, l-Iżlanda u n-Norveġja. Abbażi l-esperjenzi tal-konsumaturi, l-ECC-Net jaqsam l-għarfien u l-kompetenza tiegħu, u jaħdem mal-awtoritajiet tal-infurzar, partijiet nazzjonali u Ewropej interessati fl-interess kollettiv tal-konsumaturi; dan jinkludi l-għoti ta’ kontribut għall-proposti ġodda tal-leġiżlatura jew setturi li, fl-opinjoni tagħna, ikollhom bżonn iktar infurzar u miżuri ta’ protezzjoni għall-konsumaturi.
- Nipproteġu d-data personali u privata tiegħek
L-ECC-Net jieħu l-protezzjoni tad-data personali tal-konsumatur b’mod serju. Id-data tiegħek tiġi miġbura b’mod esklussiv, issalvagwardjata u wżata sabiex nipproċedu bl-ilment tiegħek ġewwa n-netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur u sabiex nipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Madanakollu, l-informazzjoni kollha li tiġi sottomessa tkun użata skont il-liġi nazzjonali li tirregola il-protezzjoni tad-data. F’diversi pajjiżi din tara li d-data tiegħek tkun aċċessibli mill-pubbliku meta tintalab. Dan jgħodd għad-data kollha komuni ġewwa l-ECC tal-Finlandja u l-Iżvezja (Informazzjoni dwar il-prinċipji tal-aċċess pubbliku fuq il-websajt tal-Gvern Żvediż). Għal dan, għandna bżonn il-qbil tagħkom. Din «id-dikjarazzjoni ta’ privatezza» li ġiet editjatha mill-Kummissjoni Ewropea tinfurmak dwar kif aħna nużaw id-data personali tiegħek, kif ukoll dwar id-drittijiet li għandek meta din tiġi użata.
- Nilqgħu l-kummenti tiegħek
Il-kummenti tiegħek huma importanti għalina. Il-kumplimenti, is-suġġerimenti u l-ilmenti jgħinuna sabiex intejbu is-servizzi tagħna u l-mod ta’ kif aħna nikkomunikaw mal-pubbliku.
U għalkemm nagħmlu li nistgħu biex nipprovdu l-aħjar servizz, nifhmu li jistgħu jinqagħlu xi intoppi. Aħna lesti li nindirizzaw l-ilmenti mingħand il-konsumaturi li ma jkunux kuntenti bil-kwalità tas-servizz li rċevew. L-ilment għandu l-ewwel isir mal-persuna li tkun qed tikkomunika magħha fiċ-ċentru. Jekk ma tkunx kuntent bir-risposta li tingħata u tkun tixtieq tagħmel ilment formali bil-miktub, inti tkun tista’ tikkuntattjana fuq dan l-imejl ecc.malta@mccaa.org.mt. Il-każ jiġi rivedut skond il-mod li bih ġie maħdum.
ECC Malta tista’ wkoll tibagħtlek kwestjonarju ta’ kemm kont sodisfatt bis-servizz sabiex jagħtik l-opportunità li tgħidilna dwar l-esperjenza tiegħek u sabiex ittina suġġerimenti biex intejbu s-servizz fejn hemm bżonn.
Anness għall-Karta ta’ Kwalità
Kwistjonijiet fl- ambitù u barra mill-ambitù tal-ECC-Net
L-ECC-Net hu kompetenti:
< jekk it-talba tiġi minn konsumatur, li jfisser ‘persuna li qed taġixxi b’mod li hu barra mill- professjoni u negozju tiegħu’
< u tikkonċerna bejjiegħ professjonali
< jekk ikun hemm ilment transkonfinali ġewwa l-UE, Iżlanda u Norveġja
L-ECC mhijiex kompetenti:
< għall-ilmenti li jinvolvu żewġ individwi privati (bħal pereżempju xiri ta’ prodotti jew kiri waqt vaganzi)
< għall-ilmenti li jinvolvu żewġ bejjiegħa (pereżempju ilmenti relatati ma’ direttorati tal-kummerċ)
< jekk l-ilment ikun jikkonċerna bejjiegħ li qiegħed barra mill-UE (Amerika, Ċina, Russja…)
< jekk il-bejjiegħ jirrifjuta li jikkoopera mal-ECC-Net
< jekk tkun diġa bdejt xi proċedura legali/proċedura l-Qorti
Jekk l-ilment tiegħek ikun dwar suġġett li l-ECC-Net mhuwiex kompetenti fih, aħna ninfurmawk u nipprovduk bid-dettalji ta’ kuntatt tal-organizzazzjoni jew korp kompetenti li jista’ jgħin. Dan ikun il-każ, jekk pereżempju:
< ma nkunux nistgħu nidentifikaw lill-bejjiegħ (indirizz falz, reġistratur tal-webdomain ikun moħbi…..)
< f’ każ ta’ frodi (iffalsifikar, l-hekk imsejħa snowball systems, ….)
< f’każ ta’ prodotti speċifiċi t’investiment bħall-forex u binary options