Stqarrija għall-istampa
13 Novembru 2020
Brussell

Aġenda Ġdida għall-Konsumaturi: il-Kummissjoni Ewropea tagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex imexxu t-tranżizzjoni

Illum, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-Aġenda Ġdida għall-Konsumaturi biex tagħti s-setgħa lill-konsumaturi Ewropej biex ikollhom rwol attiv fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-Aġenda tindirizza wkoll kif tista’ tiżdied il-protezzjoni tal-konsumaturi u r-reżiljenza waqt u wara l-pandemija tal-COVID-19, li ġabet magħha sfidi sinifikanti li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tal-konsumaturi. B’mod aktar konkret, l-Aġenda tmexxi ‘l quddiem il-prijoritajiet u l-punti ta’ azzjoni ewlenin li jridu jittieħdu fil-5 snin li ġejjin flimkien mal-Istati Membri fil-livelli Ewropej u nazzjonali. Fost affarijiet oħra, din se tinkludi proposta legali ġdida li għandha l-għan li tipprovdi informazzjoni aħjar dwar is-sostenibbiltà għall-konsumaturi, li tadatta l-leġiżlazzjoni eżistenti għat-trasformazzjoni diġitali kif ukoll pjan ta’ azzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti maċ-Ċina.

Il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, Věra Jourová, qalet: “Irridu nagħtu s-setgħa lill-konsumaturi biex ikollhom ir-rwol tagħhom fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Fl-istess ħin irridu niżguraw li r-regoli tagħna li jipproteġu d-drittijiet tal-konsumaturi jibqgħu aġġornati mar-realtà diġitali tal-lum – speċjalment permezz ta’ infurzar qawwi u żieda fir-responsabbiltà tal-pjattaformi online.”

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, Didier Reynders, qal: “Il-konsumaturi Ewropej jinsabu fil-qalba ta’ bidla globali. L-azzjonijiet tagħhom jistgħu jagħmlu differenza sinifikanti. Jenħtieġ li l-konsumaturi jingħataw is-setgħa li jagħmlu għażliet sostenibbli u jkunu jistgħu jserrħu rashom li d-drittijiet tagħhom se jiġu protetti fiċ-ċirkustanzi kollha. L-Aġenda l-ġdida tintroduċi miżuri li se jippromwovu soċjetà diġitali u ekoloġika ġusta, li tqis li l-imġiba tal-konsumaturi tmur lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri individwali.”

Drittijiet tal-konsumaturi fil-kriżi tal-COVID-19

Kemm bi scams online kif ukoll b’arranġamenti tal-ivvjaġġar li tħassru, il-pandemija tal-COVID-19 affettwat ħafna oqsma tal-ħajja tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni se tkompli tindirizza l-iscams tal-konsumaturi, f’kooperazzjoni man-network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u fi djalogu mal-pjattaformi u l-atturi kollha rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-UE tal-vjaġġaturi u tal-passiġġieri f’każ ta’ vjaġġ li jitħassar. Il-Kummissjoni se tanalizza l-impatt fit-tul tal-COVID-19 fuq il-mudelli tal-konsum tal-Ewropej, li se jservu ta’ bażi għal inizjattivi ta’ politika fil-futur.

Nagħtu s-setgħa lill-konsumaturi u niżguraw protezzjoni aħjar

L-Aġenda Ġdida għall-Konsumaturi tippreżenta viżjoni għall-politika tal-konsumaturi tal-UE mill-2020 sal-2025, b’enfasi fuq ħames oqsma prijoritarji ewlenin:

  1. Tranżizzjoni ekoloġika – Il-Kummissjoni għandha l-għan li tiżgura li l-prodotti sostenibbli jkunu disponibbli għall-konsumaturi fis-suq tal-UE u li l-konsumaturi jkollhom informazzjoni aħjar biex ikunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata. Is-sena d-dieħla, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta biex tipprovdi informazzjoni aħjar lill-konsumaturi dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti u biex tiġġieled prattiki bħalma huma l-greenwashing jew l-obsolexxenza bikrija. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll it-tiswija u tinkoraġġixxi prodotti aktar sostenibbli u “ċirkolari”. It-tranżizzjoni ekoloġika ma tistax issir mingħajr il-kumpaniji – il-Kummissjoni hija determinata li taħdem mal-operaturi ekonomiċi biex tinkoraġġixxi l-wegħdiet tagħhom b’appoġġ għall-konsum sostenibbli, lil hinn minn dak li hu meħtieġ bil-liġi.
  2. Trasformazzjoni diġitali – It-trasformazzjoni diġitali qed tibdel il-ħajja tal-konsumaturi b’mod radikali u toffri opportunitajiet ġodda iżda tippreżenta wkoll sfidi ġodda għalihom. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tindirizza l-prattiki kummerċjali online li jinjoraw id-dritt tal-konsumaturi li jagħmlu għażla infurmata, jabbużaw mill-preġudizzji tal-imġiba tagħhom jew ifixklu l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom, bħal dark patterns u reklamar moħbi. Barra minn hekk, iridu jitqiesu kif xieraq l-interessi tal-konsumaturi meta jitwaqqfu regoli li jmexxu l-ekonomija diġitali u r-rekwiżiti għall-Intelliġenza Artifiċjali (AI). Biex tadatta r-regoli attwali għad-diġitalizzazzjoni li għaddejja u għaż-żieda fil-prodotti konnessi, il-Kummissjoni se tirrieżamina wkoll id-Direttiva relatata mas-sigurtà tal-prodotti. Billi jenħtieġ li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi, se jiġu rieżaminati d-Direttivi għall-konsum tal-kreditu u għat-tqegħid fis-suq ta’ servizzi finanzjarji.
  3. Infurzar effettiv tad-drittijiet tal-konsumaturi – Filwaqt li l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumaturi huwa r-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha rwol ta’ koordinazzjoni u appoġġ. Il-Kummissjoni se tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni f’waqtha u l-infurzar tal-liġi tal-konsumaturi, inkluż permezz tan-network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur. Il-Kummissjoni se tappoġġja wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali, pereżempju billi timplimenta sett ta’ għodod elettroniċi innovattivi biex issaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali li jindirizzaw il-prattiki kummerċjali online illegali u li jidentifikaw il-prodotti mhux siguri.
  4. Ħtiġijiet speċifiċi ta’ ċerti gruppi ta’ konsumaturi – Ċerti gruppi ta’ konsumaturi f’ċerti sitwazzjonijiet jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli u jeħtieġu salvagwardji speċifiċi, pereżempju t-tfal, l-anzjani jew nies b’diżabilità. Il-Kummissjoni se tħares lejn ir-rekwiżiti għall-istandards tal-prodotti tal-kura tat-tfal. Fir-rigward ta’ dawk b’vulnerabbiltajiet finanzjarji, li ggravaw bil-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni se żżid il-finanzjament għal titjib fil-pariri dwar id-dejn fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tappoġġja wkoll lill-inizjattivi li jagħtu pariri lokali dwar kif jaċċessaw l-informazzjoni – online u offline.
  5. Kooperazzjoni internazzjonali – F’dinja globalizzata li fiha x-xiri online ma jafx fruntieri, il-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali saret kruċjali. Il-Kummissjoni se tiżviluppa Pjan ta’ Azzjoni maċ-Ċina fl-2021 biex ittejjeb is-sigurtà tal-prodotti li jinbiegħu online. Mill-2021, il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll appoġġ regolatorju, assistenza teknika u bini tal-kapaċità għar-reġjuni sħab tal-UE, inkluż fl-Afrika.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tressaq l-inizjattivi mħabbra fl-aġenda u tistenna bil-ħerqa li jkun hemm djalogu wiesa’ mal-partijiet kollha interessati dwar il-prijoritajiet u l-azzjonijiet kif ukoll il-metodi ta’ kooperazzjoni biex nippromwovu flimkien il-protezzjoni tal-konsumaturi fis-snin li ġejjin.

Sfond

L-UE għandha qafas solidu ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li ġie żviluppat matul ħafna snin u dan l-aħħar ittejjeb permezz ta’ diversi inizjattivi leġiżlattivi li l-konsumaturi fl-UE se jibbenefikaw minnhom fis-snin li ġejjin, inkluż il-Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-2018.

L-Aġenda Ġdida għall-Konsumaturi tibni fuq l-Aġenda għall-Konsumaturi tal-2012 u hija l-prodott ta’ tħejjijiet intensivi u diskussjonijiet mal-partijiet interessati. F’Ġunju 2020, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika miftuħa mal-UE kollha dwar il-politika tal-konsumaturi Ewropej għall-perjodu li jmiss. Il-konsultazzjoni pubblika pprovdiet kontribut siewi għat-twaqqif tal-Aġenda Ġdida għall-Konsumaturi, u wriet appoġġ ġenerali għall-prijoritajiet ewlenin tagħha, inkluża l-ħtieġa li jkun hemm reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. L-aġenda tikkomplementa inizjattivi oħra tal-Kummissjoni bħall-Patt Ekoloġiku u l-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, u se tiżgura wkoll li l-implimentazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Plurennali tqis il-prijoritajiet tal-konsumaturi.

Għal Aktar Informazzjoni

L-Aġenda Ġdida għall-Konsumaturi: insaħħu r-reżiljenza tal-konsumaturi għal irkupru sostenibbli

L-Aġenda Ġdida għall-Konsumaturi – Skeda informattiva

L-Istrateġija tal-Konsumaturi